L-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) ġiet imnedija uffiċjalment fit-8 ta’ Jannar 2021 u hija leġiżlata bl-Att dwar l-Edukazzjoni rivedut li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021. L-Awtorità taħdem b’mod indipendenti biex tiżgura l-ogħla standards ta’ edukazzjoni u trawwem komunità dejjem aktar kompetenti. L-Entita` tħares li l-istudenti tal-edukazzjoni avvanzata u ogħla jirċievu edukazzjoni tal-aħjar kwalita.

Il-kap uffiċjal eżekuttiv Dr Rose Anne Cuschieri qalet li l-Awtorità “topera b’mod sabiex tilleġittima u tissalvagwardja kemm l-istituzzjonijiet, kemm il-programmi ta’ studju li joffru, kif ukoll lill-istudenti. Taħdem f’konformità mal-istandards tal-Unjoni Ewropea bil-għan li tippromwovi aktar l-edukazzjoni fil-komunita`.”

Filfatt l-Awtorità tirregola l-istituzzjonijiet edukattivi u lil provdituri tat-tagħlim avvanzat u ogħla u għandha diversi rwoli. B’mod ġenerali l-entita’ tirregola, tiggwida, tevalwa, tivverifika, tirriċerka u tirrapporta dwar l-elementi diversi tas-sistema edukattiva bl-iskop li tiżgura edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd u biex tippromwovi prattiċi tajbin. L-iwoli ewlenin huma; “L-akkreditament” li tfisser l-approvazzjoni formali mill-kummissjoni, li l-ħidma ta’ provditur ta’ edukazzjoni avvanzata jew ogħla, jew ta’ programm ta’ edukazzjoni marbut ma’ livelli fi ħdan il-Qafas Malti tal-Kwalifiki, tilħaq l-istandards ta’ kwalità; u “L-assikurazzjoni ta’ kwalità” li tirreferi għal proċess li jipproteġi l-kwalità ta’ edukazzjoni avvanzata u ogħla fil-kuntest ekonomiku, soċjali u kulturali, fuq livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali.

Dawn il-proċessi jistgħu jwasslu għall- “għoti ta’ liċenzja” li tirreferi għall-proċess biex il-provdituri jagħtu kwalifiki nazzjonali jew kwalifiki barranin f’livell komparabbli. Rwoli oħra huma “Ir-Rikonoxximent formali miċ-Ċentru Malti għal Rikonoxximent ta’ Kwalifiki u ta’ Informazzjoni”, u “ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kwalifiki Professjonali.”

L-MFHEA tivvalida tagħlim li jkun sar b’mod informali u mhux formali u tikklassifika din il-valutazzjoni f’livell tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki. B’ “tagħlim informali” nfissru tagħlim li jirriżulta minn attivitajiet ta’ kuljum li jkunu relatati ma’ xogħol, familja jew mistrieħ u li ma jkunx organizzat jew strutturat f’termini ta’ objettivi, ħin jew appoġġ għat-tagħlim; waqt li “tagħlim mhux formali” nfissru tagħlim integrat f’attività ppjanata li tkun organizzata barra mis-sistema tal-edukazzjoni formali.

L-Edukazzjoni Avvazata u Ogħla hija edukazzjoni li mhix obbligatorja, jiġifieri korsijiet li jkunu qed jiġu segwiti f’istituzzjonijiet post-sekondarji, vokazzjonali u terzjarji li jinkludu korsijet ta’ apprentistat. Il-Kummissjoni tiddetermina il-livell edukattiv li jfisser il-livell tal-Qafas ta’ Kwalifiki ta’ Malta. L-Edukazzjoni Avvanzata hija l-edukazzjoni kumparabbli sa livell erbgħa waqt li l-edukazzjoni ogħla tirreferi għall-edukazzjoni minn livell ħamsa ‘l fuq.

L-assigurazzjoni tal-kwalità hija importanti ħafna biex tiggarantixxi t-trasparenza u l-effiċjenza. Dan jgħin biex tinħoloq sistema ta’ edukazzjoni lokali affidabbli, għall-benefiċċju kemm ta’ studenti nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Barra minn hekk, l-assigurazzjoni tal-kwalità hija s-sinsla ta’ kwalunkwe Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki. L-assigurazzjoni tal-kwalità itejjeb u tassigura l-użu ta’ miżuri xierqa bħala mezzi biex titjieb il-kwalità ta’ governanza istituzzjonali; t-tisħiħ, it-tagħlim, l-għarfien, it-taħriġ u r-riċerka tal-istudenti mmirati biex tinkiseb esperjenza ħolistika edukattiva ta’ kwalità.

Il-Qafas tal-Kwalifiki ta’ Malta (MQF) jgħin biex is-sistema tal-kwalifiki Maltin tkun aktar faċli biex tinftiehem u biex tiġi riveduta, filwaqt li tkun aktar trasparenti fuq livell nazzjonali u internazzjonali. Dan jiżgura l-portabbiltà tal-kwalifiki minn pajjiż għall-ieħor u jinkoraġġixxi aktar mobbiltà f’termini ta’ impjieg.

Il-livelli ta’ referenza jagħmluha aktar faċli biex ikun mifhum kemm jaf, x’ jaf, x’ jifhem u x’kapaċi jagħmel student bi kwalifika relatata mal-Qafas ta’ Kwalifiki ta’ Malta.Dawn il-livelli huma punti ta’ referenza li għandhom jintużaw għall-kwalifiki kollha, irrispettivament jekk joħorġux minn edukazzjoni akkademika jew vokazzjonali; tagħlim formali, informali u mhux formali. Dawn il-livelli huma utli għaliex jiddeskrivu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi, u jindikaw lill-istudent fejn iwassal il-proċess ta’ tagħlim.

L-Awtorità tistinka għal Edukazzjoni ta’ Kwalità biex trawwem futur dejjem aktar kunfidenti. Temmen bis-sħiħ fil-bidla pożittiva li l-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla ta’ kwalità tagħti s-setgħa lill-individwu, lill-komunita` u fl-aħħar mill-aħħar, lill-pajjiż.

TELEVISION MALTA
Times of Malta
ONE NEWS
INEWS MALTA
LIVE NEWS MALTA